Open menu
04 Nov 2021

Nisa żgħażagħ fil-ġlieda għal politiki aħjar fl-EYE2021

Image
EYE participants at EYE 2021

Il-folla li tixtieq tidħol fl-awditorju hija ppakkjata daqs l-ewwel ringiela f'kunċert rock – dan jikkuntrasta ħafna mal-atmosfera serja tal-bini tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu. Ħafna mill-parteċipanti tal-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ (EYE2021) qed jippruvaw jgħaddu mill-bieb, bla sabar biex jidħlu. Mhijiex xi laqgħa ma' xi politiku famuż li jridu jattendu, iżda workshop b'isem interessanti: il-Battalja tal-Politiki dwar in-Nisa.

Kif jissuġġerixxi l-isem, din kienet kompetizzjoni politika ffokata speċifikament fuq politiki li għandhom impatt fuq in-nisa. Ir-regoli kienu sempliċi. Il-parteċipanti (fil-biċċa l-kbira nisa) inqasmu f'erba' gruppi u taw ideat ta' politika fi tliet "żoni ta' battalja":

  1. Kif tinkiseb paga ugwali u aċċess ugwali fuq il-post tax-xogħol?
  2. Kif jiġi żgurat il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-kondiviżjoni ugwali tar-responsabbiltajiet ta' ndokrar?
  3. Kif tiġi garantita l-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet?

Imbagħad, żewġ gruppi "iġġieldu" billi ppreżentaw l-ideat tagħhom għal politiki aħjar f'qasam magħżul bix-xorti. Wara ż-żewġ preżentazzjonijiet, il-grupp kellu jwieġeb mistoqsijiet mill-ġurija magħmula minn 7 nisa żgħażagħ mill-organizzazzjoni tat-think tank Re-Generation Youth, u l-udjenza tħalliet tivvota fuq l-ideat tagħhom.

 

 

 

Grupp wieħed ħareġ rebbieħ mill-kamp tal-battalja: il-"grupp 50/50" immexxi minn Agnieszka Homanska mill-Polonja. Kif jgħid isimhom, l-idea tagħhom talbet li jkun hemm kwoti ta' reklutaġġ b'bilanċ ta' 50:50 mhux biss f'pożizzjonijiet għoljin, iżda fil-livelli organizzattivi kollha. Madankollu, huma ssuġġerew ukoll li l-pożizzjonijiet tax-xogħol għandhom jiġu protetti għal sentejn wara l-leave tal-maternità u li fl-iskejjel għandhom jiġu offruti workshops bla ħlas dwar it-tmexxija biex l-istudenti kollha tissaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom.

"Għalija kien suċċess kbir ħafna," qalet Serena Mazzei, ekonomista li studjat f'King's College f'Londra u li ħolqot dan il-workshop, "peress li ma konniex qed nistennew daqstant nies." Hija semmiet ukoll li l-organizzazzjoni u l-loġistika tal-workshop kienu jeħtieġu ħafna xogħol.

Madankollu, hija kellha l-appoġġ tal-membri l-oħra ta' Re-Generation Youth, it-think tank Taljan li hija parti minnu. Fil-fatt, dan it-think tank kien inħoloq wara l-EYE2018. Dan it-think tank hu magħmul minn 15-il żagħżugħa li jirriċerkaw it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, it-trasformazzjoni diġitali u r-riġenerazzjoni soċjali u jorganizzaw diversi attivitajiet, pereżempju, masterclasses online għan-nisa żgħażagħ.

Kollox ma' kollox, il-gruppi l-oħra pproponew ħafna ideat oħra. Il-workshop jaf ma kienx kunċert rock wara kollox, iżda l-ideat li l-parteċipanti tal-EYE pproponew u ddiskutew hemm ċertament lesti jagħmlu tour madwar l-Ewropa.

 

Minn Mejju sa Ottubru, il-Parlament Ewropew mexxa l-Konsultazzjonijiet maż-Żgħażagħ għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. Aqra r-Rapport dwar l-Ideat taż-Żgħażagħ bl-aħjar 20 idea minn dawn il-konsultazzjonijiet. Tista' taqra ħafna aktar ideat taż-żgħażagħ fuq search.youthideas.eu

Biex issemma' leħnek jew tara x'jixtieq ħaddieħor għall-futur tal-Ewropa, żur futureu.europa.eu.