Open menu
03 Nov 2021

Minn ħabs Russu għal Strasburgu: Oleg Sentsov u l-viżjoni tiegħu għall-UE

Image
Sakharov Prize Laureate 2018

Oleg Sentsov, produttur tal-films, kittieb u attivist Ukren, deher fl-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ (EYE2021). Matul is-sessjoni ta' Mistoqsija u Tweġiba tiegħu, huwa tkellem dwar iż-żmien li għadda l-ħabs, l-aggressjoni Russa, u t-tortura, kif ukoll dwar il-kunċetti tas-sagrifiċċju, it-tama u l-privileġġ li tkun parti mill-UE.

F'awditorju mdawwal fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu, Oleg Sentsov tkellem ma' għexieren ta' żgħażagħ Ewropej. Xi wħud ammettew li qatt ma semgħu bih, iżda f'mistoqsija wara mistoqsija, iż-żgħażagħ esprimew kemm emozzjonathom u impressjonathom l-istorja ta' Oleg.

 

 

L-atmosfera kalma ta' Strasburgu tikkuntrasta ħafna mal-istorja tal-ħajja ta' Oleg. Direttur tal-films – l-ewwel film tiegħu kien Gamer – fl-2013, ingħaqad mal-moviment Euromaidan, mewġa ta' dimostrazzjonijiet pro-Ewropej fl-Ukrajna. Kien riskjuż li jkun involut f'dan. Irrimarka li seta' nqatel: ħafna attivisti oħra fil-Krimea għebu.

Fl-2014, huwa ġie arrestat mis-Servizz Sigriet Russu u ngħata sentenza ta' għoxrin sena ħabs fuq akkużi ta' terroriżmu, fi proċess iddenunzjat b'mod mifrux. Fil-ħabs, huwa pprotesta għal drittijiet aħjar għalih innifsu u għall-priġunieri l-oħra, u tilef tletin kilogramma matul strajk tal-ġuħ twil. Madankollu, waqt li kien il-ħabs, irnexxielu wkoll ikun il-kodirettur ta' film ġdid "Numbers". F'dan il-film, soċjetà distopika li fiha ċ-ċittadini kollha jkunu msemmija biss permezz ta' numri titħarbat meta wild jirċievi isem ta' vera. Oleg iżomm lura milli jagħti tweġibiet ċari – huwa jgħid li r-rwol ta' direttur huwa pjuttost li jippreżenta mistoqsijiet – iżda forsi f'dan il-film nistgħu naraw parabbola tal-importanza taż-żgħażagħ fit-tiswir mill-ġdid ta' sistemi miksura.

Oleg ingħata l-Premju Sakharov fl-2018 għas-snin li għadda f'kampanja favur id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-kelma. Huwa nħeles fl-istess sena. Minn dak iż-żmien 'l hawn, huwa ħareġ film ieħor, iżda għadu 'l bogħod milli jinsa l-passat tiegħu

 

 

"Huwa impossibbli timmaġina ħajja f'ħabs Russu waqt li tkun qiegħed Strasburgu," huwa qal lill-udjenza tiegħu. Dan huwa l-messaġġ kbir li Oleg qed jippreżenta liż-żgħażagħ matul l-avveniment: il-ħajja fl-UE hija privileġġ. Li tgħix fi spazju mingħajr fruntieri, fejn nistgħu neleġġu demokratikament il-mexxejja politiċi u nesprimu lilna nfusna liberament mingħajr biża' li niġu arrestati u torturati, huwa privileġġ. Mill-paċi ta' Strasburgu, dan jista' jintesa faċilment. Billi jaqsam l-istorja tiegħu u jiddiskutiha maż-żgħażagħ Ewropej, huwa qed jaċċerta ruħu li dan ma jintesiex.

Oleg enfasizza li dan il-mument privileġġjat fl-istorja m'għandux jitqies bħala fait accompli. L-Ewropa m'għandhiex tinsa li dan il-privileġġ inbena fuq uġigħ kbir, u lanqas li l-istorja tagħha ma tispiċċa qatt. Fil-preżent, il-privileġġi tal-ħajja fl-Ewropa jinsabu f'riskju li jitnaqqru mir-Russja. "Ma tistax tinnegozja ma' kukkudrill," huwa qal: Putin huwa problema għall-valuri tal-Ewropa u għal-libertà tal-ġirien tagħha.

Oleg argumenta li l-Ewropa għandha tiddefendi l-libertajiet tagħha stess, u għamilha ċara li l-UE għandha tistinka biex tgħin lill-oħrajn jilħqu l-istess kisbiet. Huwa ppreżenta lill-Unjoni bħala dawl fuq għolja, eżempju għall-pajjiżi kollha fid-dinja li għandhom jaspiraw għalih, sabiex ikunu jistgħu joħolqu dinja aktar paċifika u demokratika.

F'moħħ Oleg, rwol partikolarment importanti huwa riżervat għaż-żgħażagħ. Huwa jarahom bħala l-bennejja tal-futur tal-UE u tad-dinja. Huwa biss meta jkunu lesti għall-bidla, u li jkunu lesti jitgħallmu mill-ħajjiet u l-ġliediet ta' min ġie qabilhom, li ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jagħmlu l-Ewropa u d-dinja post aħjar. Meta wieħed iqis il-mistoqsijiet li sarulu fi Strasburgu, u l-entużjażmu li bih iż-żgħażagħ laqgħu kliemu, jidher li l-passjoni tiegħu hija kondiviża.